Falstaff Review 1
Foto von Anthony Mario Bajada


Falstaff News 6Falstaff - Massiv, Misjur u Imbroljun
by Joyce Guillaumier

It-Torċa
Il-Ħadd 20 t'Ottubru 2013

* * *

Review in Maltese published on the Sunday newspaper "It-Torċa", compiled by Joyce Guillaumier.

* * *

Falstaff hu personaġġ maħluq minn Shakespeare. Il-Bard Ingliż kien wieħed mid-drammaturgi favoriti ta’ Verdi. Tant hu hekk li l-aħħar opra li kkompona kienet dwar Falstaff, il-kavallier oħxon, tond u moħħu fin-nisa. Kien jemmen li n-nisa kienu jiġġennu warajh. Kulħadd kien ħaseb li Verdi, li kellu madwar 80 sena, ma kienx se jaqbad il-karattru ġovjali tal-kavallier iżda llum nafu li min qal hekk kellu tort (għalkemm l-opra ma ntlaqatx b’entużjażmu).

Kollox jibda miż-żewġ ittri identiċi li Falstaff jibgħat lil Mistress Page u lil Mistress Ford. Iż-żewġ nisa jindunaw li l-ittri nkitbu mill-istess persuna u jiddeċiedu li jaqbduh f’nassa. Mistress Ford kienet miżżewġa lil raġel li kien għajjur ħafna. Barra minn hekk kellu wkoll l-inkwiet ta’ bintu Anne li kienet tħobb lil Fenton u ma riditx tiżżewweġ lil Dr Cajus li kien għażlilha missierha. Biex jivverifika s-sitwazzjoni Ford jiddeċiedi li jżur lil Falstaff travestit.

Minn hawn iseħħu għadd ta’ avventur / miżavventuri biż-żewġ nisa, Anne, Fenton u Mistress Quickly, kompliċi tan-nisa, ikomplu jħawdu l-borma partikolarmnet meta Quickly tagħmel appuntament bejn Falstaff u Mrs Ford mis-sagħtejn sat-tlieta meta Mr Ford ma jkunx id-dar. Falstaff jibla’ ċ-ċajta sa griżmejh u jinfexx f’għanja li fiha jipproklama li kien rebaħ lill-mara. Dak il-ħin jasal żagħżugħ li jgħid li kien Master Brook. Fil-fatt ma kien ħadd ħlief Ford li jinfexx f’arja qawwija li fiha jmaqdar lin-nisa kollha f’monologu dwar l-għira. Kulħadd jinduna li Mrs Ford ma kellha ebda ħsieb li tagħti wiċċ lil Falstaff, anzi dan jispiċċa mormi mit-tieqa għal isfel bil-kannestru fejn kien inħeba b’kollox.

Fit-tielet att ta’ din l-opra komika kollox jispiċċa b’wiċċ il-ġid. Ford jaħfer lil martu u jippermetti ż-żwieġ ta’ bintu ma’ Fenton u Falstaff jinfexx fil-fuga tal-aħħar meta jkanta “Tutto nel’ mondo é burla – All the world is a stage”, u jkompli “min jidħaq l-aħħar jidħaq l-aħjar”.

Din mela kienet l-opra magħżula mis-Soċjetà Filarmonika Leone tar-Rabat, Għawdex, biex ikun iffesteġġjat il-150 sena tas-Soċjetà u l-200 sena mit-twelid ta’ Verdi. Ittellgħet fit-Teatru tal-Opra Aurora, is-Sibt 12 t’Ottubru fis-7.30pm.

Mhix xi opra ħafifa, anzi! Verdi rnexxielu joħloq opra buffa (meta kulħadd inkluż Rossini kien iqis li qatt ma kien se jirnexxielu). Barra minn hekk ħoloq xogħol għal kollox differenti mill-opra iktar bikrija tiegħu, opri li jeżaltaw il-melodija b’akkumpanjament iktar ħafif (hawn min isejjaħlu tal-umpappa). Fil-Falstaff l-orkestrazzjoni hi brillanti waqt li l-lirika taqbel eżatt mal-mużika. Anzi, nista’ ngħid li l-orkestrazzjoni tikkummenta fuq l-azzjoni u addirittura it-tnejn jimxu pass pass flimkien. Il-kantanti kienu mill-aqwa kif kienet il-produzzjoni kollha taħt id-direzzjoni artistika ta’ Novella Tabili. Is-sett idisinjat minn Tabili u mibni minn Paul Falzon (*nota editorjali: is-sett mibni minn Teddy Mizzi u Anthony Buhagiar u mpinġi minn Paul Falzon), il-kostumi, id-dawl kienu tajbin ħafna bħalma kienet id-direzzjoni mużikali ta’ Colin Attard u tal-kantanti fosthom il-protagonista Falstaff, interpretat mill-baritonu Leonardo López Linares, Master Ford (il-baritonu Marzio Giossi), il-baxx Gianluca Breda fil-parti ta’ Pistola, il-mezzo-sopran Elisabetta Fiorillo li kienet Mrs Quickly, is-soprano Eva Mei (Mrs Ford) u l-kantanti feminili l-oħra jiġifieri Anna Skibinsky u Agata Bienkowska. Ma’ dawn inżid lil Filippo Adami u lil Manuel Pierattelli  li kienu tajbin sew vokalment kif ukoll xenikament. Sfortunatament Stefano Consolini, waqt li kien tajjeb ħafna xenikament, kellu mumenti meta l-vuċi tiegħu tgħattiet mill-orkestra li f’waqtiet kienet għolja wisq, partikolarment meta t-tenur ta daharu lill-udjenza. Ħasra, għalkemm is-sehem li ta kien wieħed validissimu.

Falstaff Events Page

+(reset)-