Programme Notes
SPES UNICA - 15 APRIL 2025
Addolorata
(Our Lady of Sorrows)
Funerary March
Joseph Sammut
MT: Joseph Sammut, surmast direttur u kompożitur, twieled il-Belt Valletta fl-1926. Kien Surmast Direttur tal-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta sa mit-twaqqif tagħha bħala l-Orkestra tal-Commander-in-Chief tar-Royal Navy. Serva wkoll ta’ Surmast Direttur ta’ għadd ta’ baned f’Malta, fosthom għal 33 sena, bejn l-1958 u l-1991 bħala surmas direttur tal-Banda Ċittadina Leone. Ikkompona bosta marċi brijużi, funebri, u xogħlijiet prominenti għall-orkestra bħal sinofniji, oratorji u quddies. Huwa miet fl-10 t’April 2024.
Adagio Cantabile
from Sonata for Piano No. 8 in C minor, Op. 13 (Pathétique)
Ludwig van Beethoven
MT: L-Adagio Cantabile hija waħda mill-aktar movimenti delikati u espressivi tal-kompożitur Ġermaniż Beethoven. Jekk wieħed jisma’ s-sonata sħiħa, dan it-tieni moviment joħloq kuntrast enormi mal-ewwel moviment li huwa tant intens. Jevoka sentimenti ta’ serenità u introspettività, b’armoniji sinjuri u emozzjonijiet mill-aktar profondi. Huwa moviment sempliċi, sottili u eleganti, li fih innifsu joħloq ambjent u atmosfera ta’ riflessjoni u meditazzjoni.
Hymn to the Fallen
from Saving Private Ryan
John Williams
MT: L-Innu lis-Suldati Mitlufa hija kompożizzjoni orkestrali mill-aktar kommoventi li John Williams kiteb għall-film tal-1998 ta’ Steven Spielberg, Saving Private Ryan. Minbarra l-iskop ċinematografiku proprju tagħha, il-kompożizzjoni tonora lil dawk is-suldati li tilfu ħajjithom matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Għalhekk, apparti d-drammatiċità, il-kompożizzjoni tevoka wkoll is-solennità, ir-reverenza u s-sens sħiħ ta’ luttu funebri. Tipiku tiegħu, Williams jagħmel użu minn armoniji u textures mill-aktar sħaħ, orkestrazzjoni impressjonanti u melodiji liriċi li jqanqlu emozzjonijiet qawwija. Hija kompożizzjoni li ssegwi l-ispirtu ta’ eleġija – għanja lill-mejtin, u għalhekk tagħmilha biċċa xogħol b’saħħitha… kważi kważi immortali.
Agnus Dei
Georges Bizet
MT: Aktar magħruf għall-opra Carmen, il-kompożitur Franċiż Bizet kellu suċċess kbir b’din is-silta Agnus Dei, anki jekk mhux daqshekk bit-Te Deum tiegħu tal-1872. Filfatt, ftit jafu li din l-Agnus Dei hija biss parti minn Te Deum – innu kbir għal kor u orkestra. Hija silta kontemplattiva u espressiva, proprju għax hija talba. Hija nieqsa minn drammatiċità jew vivaċità li nsibu f’partijiet oħra tat-Te Deum. Iżda fin-nuqqas ta’ elaborazzjoni tagħha – forsi tirrifletti wkoll kif kienet qed tevolvi l-mużika ta’ Bizet – tikkomunika spirtu qawwi ta’ talb, ta’ pjetà u espressjoni emozzjonanti.
It-Talba tal-Ġublew
(The Prayer of the Jubilee of Hope (by Pope Francis))
Matthew Sultana
MT: It-Talba tal-Ġublew tat-Tama inkitbet mill-Papa Franġisku, proprju għal din l-okkażjoni ġubilari. Hija talba indirizzata mhux lil Kristu jew lill-qaddisin iżda speċifikament lil Alla l-Missier. U kif Papa Franġisku jindirizza “Missierna li inti fis-smewwiet”, hekk it-talba mmużika tiftaħ bit-tema Gregorjana tal-“Missierna”, u tkompli bl-ewwel parti tagħha fuq l-istil Gregorjan biex tistabbilixxi l-ambjent u l-ispirtu tat-talb. L-ispirtu tat-Tama – is-suġġett ċentrali tal-ġublew – jiġi fit-talba tal-poplu għall-grazzja ta’ Alla, b’enfasi fuq “l-istennija fiduċjuża”, waħda mill-ftit kliem fit-talba li jirrepeti ruħu f’din il-verżjoni mmużikata apposta għall-okkażjoni tal-lejla, għal orgni u kor bi tliet vuċijiet.
Nimrod
(mill-Varjazzjonijiet Enigma, Op. 36)
Edward Elgar
MT: Nimrod huwa wieħed mill-aktar movimenti mqanqla mill-Varjazzjonijiet Enigma li Edward Elgar ikkompona fl-1899. Hija silta oħra li twassal lill-udjenzi għal riflessjonijiet u meditazzjonijiet mill-aktar profondi b’melodiji li jogħlew ’il fuq u jerfgħu l-ispirtu ta’ min jismagħhom. Dawn l-attribwiti wasslu sabiex dan il-moviment, imsemmi Nimrod b’tifkira ta’ August Jaeger, ħabib tal-kompożitur, insibuh esegwit ħafna drabi f’funerali jew memorjali importanti. Jibqa’ wkoll wieħed mill-aktar xogħlijiet iċċelebrati tal-kompożitur Ingliż Elgar, magħruf għall-mużika sottili, delikata imma li tinfed bl-emozzjonijiet li tqanqal.
Sliem Dejjem! Tislima lil Dwardu Grech
(Eternal Peace, a tribute to Edward Grech)
Funerary March
Colin Attard
MT: Dwardu Grech, imwieled fl-1924 serva lis-Soċjetà Filarmonika Leone f’diversi karigi fil-kumitat tagħha għal aktar minn 70 sena, u miet fil-kariga ta’ Viċi President, fis-7 t’April 2022, fl-età venerabbli ta’ 98 sena. Il-kbir fost 7 aħwa, ħafna nies jafuh bħala għalliem fl-aqwa tal-karriera tiegħu. Il-membri tas-Soċjetà Leone jafuh bħala Viċi-President, iżda wkoll bħala chairman tal-Kummissjoni Banda, membru tal-Kumitat Eżekuttiv u l-uffiċjal inkarigat mill-organizzazzjoni tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel ta’ Santa Marija, fost affarijiet oħra. Kien l-aħħar membru tal-kumitat tal-1956, li bil-ħidma tagħhom telgħet il-vara ta’ Santa Marija fil-Katidral. Dan il-marċ ta’ Colin Attard huwa reazzjoni għan-niket u s-sogħba, personali tal-kompożitur u kollettivi tas-Soċjetà, għat-telfa ta’ bniedem li kien figura ta’ ġentlom u missier li tassew ħabb lis-Soċjetà u lill-għaqda bejn il-membri tagħha. Dan il-marċ qiegħed jiġi mżanżan illejla għall-ewwel darba.
This Performance
15 April 2025
Gozo Cathedral Church
Leone Band A.D.1863
Conductor: Colin Attard
Aurora Youth Choir
Chorus Master: Matthew Sultana
Meditations
Rev. Emanuel Magro
Compere
Claire Bajada
